X’inhi l-agrikultura organika?
Hija forma ta’ agrikultura li fiha t-tkabbir, it-trobbija u l-ipproċessar tal-prodotti jsir b’metodi li jirrispettaw l-ambjent u l-annimali. Dan isir billi ma jintużax bexx artifiċjali, imma metodi biologiċi u mekkaniċi differenti biex jitnaqqas il-mard. Dan ifisser li l-enfasi tkun fuq il-prevenzjoni minflok il-kura tal-prodott.
L-agrikultura organika hija għall-pjanti u ħxejjex biss?
Le, l-agrikultra organika tinkludi ukoll it-trobbija tal-annimali, per eżempju baqar, nagħaġ, mogħoż, tiġieġ, wiżż, majjali u naħal. F’dan il-każ, l-annimali ma jridux jkunu ngħataw ormoni jew antibijotiċi ta’ xejn b’xejn, jew biex jikbru iktar malajr. Barra minn hekk, iridu jkunu qed jgħixu f’kondizzjonijiet tajba u nodfa, u fost l-oħrajn ir-raħħal irid joħroġhom jirgħu ta’ sikwit (hemm imniżżel fil-liġi tal-UE eżatt kemm. Huwa differenti għal kull tip ta’ annimal).
Nista’ inrabbi fniek organiċi?
Sa issa le, għaliex il-fniek m’humiex imniżżlin fil-liġi ta’ l-agrikultura organika tal-Unjoni Ewropea. Dan minħabba l-fatt li għadu ma ġiex propost li l-fniek jidħlu f’din il-liġi, imma ma jfissirx li ma jistax jiġix propost fil-futur.
X’inhi din il-liġi tal-Unjoni Ewropea?
Dan huwa ir-regolament ewropew 2092/91 li jirregola l-produzzjoni ta’ prodotti organiċi u ikel. Dan ir-regolament ħareġ fl-1991 u fih jinkludi t-tkabbir tal-ħaxix, frott, annimali u l-għasel. Mill-ewwel ta’ Mejju 2004, din il-liġi bdiet tapplika għal Malta ukoll. Fil-fatt il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ħareg avviż legali li jikkopri l-agriklultura organika.
Allura huwa possibli li tkabbar prodott mingħajr bexx?
Mhux bil-fors ma tużax bexx fl-agrikultura organika. Hemm lista ta’ bexx u fertiliżżanti li huma permessi fil-liġi Ewropea. Imma dawn iridu jintużaw biss meta jkun hemm bżonn. L-agrikultura organika tisħaq fuq metodi ta’ produzzjoni għaqlin, bħal ma huma in-newba, it-taħlit ta’ familji ta’ ħaxix differenti, it-trawwim ta’ fertilita’ tal-ħamrija billi jiżdied il-kontenut organiku tagħha bl-użu ta’ kumpustaġġ u demel organiku.
Nista’ nuża’ d-demel tal-baqar?
Le. Sakemm id-demel li tuża’ ma jkunx organiku ukoll. Dan ifisser li l-annimali li jagħmluh iridu jkunu trabbew b’metodi organiċi.
Minn fejn se nsibu d-demel organiku jien?
Tista’ issibu jew billi tkun taf b’xi raħħal li jkun qed irabbi l-annimali b’metodi organiċi, jew inkella tixtrih minn xi ħanut li jġib il-prodotti agrikoli minn barra. Tista’ tixtrih fil-pakketti. Inkella tista’ tagħmel il-kompost tiegħek.
Kif nista’ nagħmel il-kompost jien?
Il-kompost tista’ tagħmlu billi tiġbor fdalijiet ta’ ħaxix u pjanti, titfgħu f’ġenb u tħallih hemm sakemm jitkisser u jitmermer biż-żmien. Imbagħad tista’ tiġbru u xxerdu fuq l-għalqa. Inkella tista’ tħawwel pjanti tal-imżiewed, jiġifieri tal-familja tal-legumi. Dawn il-pjanti jkollhom il-mikrobi ġo l-għeruq tagħhom li jagħmlu n-nitrati fil-ħamrija. Imbagħad tista taħrathom fil-ħamrija stess wara li jkun għadda l-istaġun ħalli il-ħaxix jitmermer fil-ħamrija.
Bl-agrikultura organika tiġbor inqas prodott?
Le mhux bil-fors. Xi kultant tiġbor iktar. Skond kemm toqgħod miegħu. U jiddependi kemm jirnexxielek iżżid il-kontenut organiku fil-ħamrija. Jekk ikollok riċiklaġġ ta’ nutrijenti fil-ħamrija billi iżżomm livell tajjeb ta’ nutrijenti se żżid il-produttivita’. L-ikbar problema ta’ l-agrikultura organika hija l-ħaxix ħażin. Imma llum hawn il-mutur ta’ l-inqix u u bih tista’ tiffranka ħafna xogħol.
Jien se nieħu dax-xogħol kollu biex imbagħad jinbiegħ bl-istess prezz il-pitkalija?
Le. Fl-ewwel ta’ Mejju 2004, iddaħħal l-avviż legali nru 237/2004 li jittratta fuq l-agrikultura organika. Bih iddaħħlet għall-ewwel darba f’Malta ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti organiċi. B’hekk inti, la darba li l-prodott tiegħek ikun iċċertifikat, tista’ tbigħu iktar għali u, fil-fatt, għandu jġib prezz aħjar.
Min se jagħtihuli dan iċ-ċertifikat?
Fir-Regolament Ewropew hemm imniżżel li f’kull pajjiż irid ikun hemm aġenzija, tal-gvern jew privata, li xogħolha jkun li tiċċertifika l-prodotti organiċi. Dan isir billi matul is-sena din l-ispetturi ta’ din l-aġenzija jiġu fl-għalqa jew ir-razzett tiegħek biex jaraw li inti tkun konformi mal-metodi tat-tkabbar jew trabbija skond ir-Regolament Ewropew.
Ġieli jieħdu xi kampjuni tal-ħamrija ukoll biex jaraw jekk hemmx xi bexx fil-ħamrija. Jekk tikwalifika, jagħtuk ċertifikat li inti tkun tista’ tbigħ il-prodott tiegħek bħala organiku. B’dan iċ-ċertifikat inti għandek l-opportunita li tbigħ il-prodott tiegħek bi prezz aħjar, għax ħadd ma jkun jista’ jmerik li mhuwiex organiku.
Min hu awtoriżżat li joħroġ dan iċ-ċertifikat?
Il-Malta Standards Authority kif ukoll il-BIOZOO huma responsabbli miċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti organiċi Maltin.
Il-gvern qed jagħti xi tip ta’ għajnuna lil bdiewa għall-agrikultura organika?
Iva, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent qed jgħati madwar €600 għal kull ettaru, jew madwar Lm24 it-tomna għal min ikabbar b’metodi organiċi. L-ammont eżatt ta’ liri maltin jiddependi mir-rata tal-kambju tal-ewro. Il-prezz fiss huwa f’ewri. Sfortunatament din l-għajnuna s’issa qed tingħata biss lil min ikabbar il-ħaxix, frott u l-għeneb. Għad m’hemmx għajnuna s’issa għar-raħħala.
Allura la nkabbru l-prodott x’nagħmel bih? Kif inbigħu?
Biex tbigħu trid tpoġġih f’pakketti magħluqin u tbigħu lil tal-ħanut hekk. Dan isir biex tal-ħanut ma jkunx jista’ jbagħbas il-prodott u jzid miegħu prodott normali li mhuwiex ċertifikat bħala organiku. Tal-ħanut jrid jbigħu kif inhu fil-boroż.
Jekk inbigħ il-prodott tiegħi dirett mill-għalqa xorta irrid nippakjah?
Jekk tbigħ mill-għalqa tiegħek m’hemmx bżonn li l-prodott tiegħek ikun ippakkjat, imma tal-inqas irid ikollok kopja taċ-ċertifikat fejn jidher. Dan iċ-ċertifikat ikun mgħoti lilek mill-assoċjazjoni tal-ispezjoni.
Hemm għaqdiet li jistgħu jgħinuni?
Iva. L-ewwel nett hemm il-Maltese Organic Agriculture Movement li jispeċjaliżża fl-agrikultura organika. Huma fil-fatt qed jorganiżżaw korsijiet fuq dan is-suġġett u fuq kif jista’ l-bidwi jaqleb għal dan il-metodu.
Barra minn hekk, għandha titwaqqaf organiżżazzjoni tal-produtturi ta’ l-agrikultura organika. Dawn imbagħad jkunu jistgħu jakkwistaw fondi mill-Unjoni Ewropeja li bihom jkunu jistgħu jgħinuk tippakkja l-prodott tiegħek u għal affarijiet oħra.
Hawn nies li jkunu lesti li jixtruh dan il-prodott?
Iva jidher li hawn parti mill-poplu malti li jfittxu dawn il-prodotti. Dawn jippreferu jixtru dan il-prodott għax għandhom is-serħan ta’ moħħ li dawn il-prodotti tkabbru mingħajr l-użu ta’ bexx. Hawn ħafna minn dawn in-nies u, maż-żmien, dejjem qegħdin jiżdiedu.
Min jista’ jaqleb għall-agrikultura organika?
Jekk inti bidwi li ma tużax bexx, jew li tuża ftit ħafna, jew inkella trabbi t-tiġieġ free range, jew trabbi n-nagħaġ mingħajr ma tagħtihom mediċini żejda jew ormoni, inti għandek ċans tajjeb li tikkwalifika. Kull ma trid tagħmel huwa tiġi tkellimna u nistudjaw flimkien il-każ tiegħek ħalli naraw x’jista’ jsir biex taqleb għal produzzjoni bl-agrikultura organika.
Hemm pajjiżi oħra tal-Mediterran li rnexxielhom?
Iva, fosthom hemm Sqallija, il-gżira ġara tagħna. Hemmhekk 30 fil-mija tal-bdiewa qalbu għall-produzzjoni organika. Ta’ min jgħid illi f’Sardinja hemm saħansitra 50 fil-mija tal-bdiewa li qalbu għall-agrikultura organika.